Kompassjoni f’Dak li Nagħmlu

Read this article in English

Ħajjitna tista’ faċilment tintilef fir-rutina ta’ kuljum. Jekk inkunu xxurtjati, inqumu filgħodu, mmorru l-iskola jew għax-xogħol, niġru minn ħaġa għall oħra, sakemm nispiċċaw il-ġurnata bla saħħa, biex imbad nerġgħu nibdew mill-ġdid din ir-rutina l-għada. Iżda din il-monotonija tonqos meta nippermetti lili nnifsi li niltaqa’ tassew man-nies, speċjalment fil-ħidma tiegħi.

Ix-xogħol tiegħi jinvolvi li nakkumpanja nies, dawk li qed jitħabtu mal-mard, il-persuni li jieħdu ħsiebhom, u dawk li qed jesperjenzaw telf kbir. F’dawn l-inkontri, rajt b’għajnejja l-qawwa inkredibbli tal-ispirtu uman u l-qawwa trasformatriċi tal-kompassjoni. Dan ix-xogħol ħafna drabi jitlob inqas “għemil” u iktar “preżenza“. Li tkun hemm, preżenti mat-tbatija tal-persuna, mal-biżgħat, mad-dubji u mal-emozzjonijiet ikkumplikati li jġib maħha telfa, f’kull forma li tista’ tieħu.

Lil hinn minn dan, naħdem ukoll ma’ nisa fil-prostituzzjoni li jiffaċċjaw abbuż u vjolenza. Ħafna minnhom m’għandhomx l-affarijiet essenzjali u, fuq kollox, sens ta’ sigurtà. Is-sigurtà hija aktar minn saqaf fuq rasek, ikel u lbies. Hi wkoll dak li ma jidhirx, il-valur innifsu, l-imħabba tal-familja, l-appoġġ tal-ħbieb u s-saħħa li tagħti l-edukazzjoni. L-akkumpanjament ma’ dawn in-nisa jibda billi nipprovdu l-affarijiet bażiċi, u minn hemm jkunu jistgħu jibdew jibnu ħajjithom mill-ġdid. Il-vjaġġ tagħhom spiss ikun mimli tentattivi ġodda, iżda kull wieħed minnhom huwa opportunità oħra biex jippruvaw mill-ġdid, biex isibu fejqan, tama, u l-possibbiltà li jimxu ‘l quddiem. Il-missjoni tagħna hi li nkunu magħhom f’kull pass tat-triq, nipprovdu l-preżenza u l-appoġġ tagħna.

Ħafna mix-xogħol tiegħi jdur mal-għajnuna lin-nies biex isibu leħinhom u biex inħeġġuhom jimxu ‘l quddiem. Ladarba persuna tħossha sigura fiha nnifisha u fl-ambjent tagħha, tista’ tibda taqsam l-istorja tagħha. Kultant, mhux dejjem ikollhom il-ħila li jissieltu għal rashom, u hawn jidħol ir-rwol tagħna, li nkunu l-vuċi tagħhom. Dan huwa essenzjali biex iseħħ il-bidla neċċessarja. Huwa proċess diffiċli li jeħtieġ paċenzja, perseveranza u talb. Iżda huwa ħafna aħjar li tipprova u tissara milli tibqa’ passiv. In-nuqqas ta’ azzjoni hija l-vera traġedja, mhux li tissielet u tfalli. Għandna r-responsabbiltà li nkunu preżenti, li naraw tassew lil ta’ madwarna, u li ninkuraġġixxu lil xulxin biex inqumu favur min ma jistax jitkellem għalieh nnifsu. Irridu nistinkaw biex inkunu aħjar u nagħmlu aħjar.

Dan l-aħħar, kelli esperjenza qasira imma li laqtitni ħafna f’Ruma, waqt li kont qed nagħti servizz f’soup kitchen fl-Ewwel tas-Sena. Stagħġibt bil-varjetà kbira ta’ nies li ltqajt magħhom,  nies ta’ kull età, razza, nazzjonalità u ġeneru, kollha taħt saqaf wieħed, sempliċement jaqsmu ikla flimkien. Kienet tfakkira umli li, fil-qalba tagħna, aħna lkoll l-istess, u kull persuna jistħoqqilha dinjità.

Lejliet l-Ewwel tas-Sena f’Ruma, tlabna lill-attendenti jiktbu messaġġi ta’ tama għall-2025. Raġel, li kien għall-ikel, imma ma baqax għaċ-ċelebrazzjoni, ħalla nota fuq il-mejda. Kienet tgħid sempliċement;

“Is-sena d-dieħla tkun aħjar”

Din in-nota tfakkarna li rridu nibqgħu nżommu t-tama, anke meta kollox jidher mitluf. Fakkritni ukoll għaliex nibqgħu nagħmlu dak li nagħmlu. Meta nkunu għajjenin, mafġien u mifnija, il-pass l-aktar faċli jkun li nieqfu. Iżda jekk hemm anke ftit tama, hemm insibu mill-ġdid is-saħħa biex nippruvaw mill-ġdid.

Kuljum nisma’ bosta stejjer, xi wħud li jaqsmuli qalbi, oħrajn li jimlewha b’imħabba kbira. L-imħabba ssostnina fl-aktar mumenti iebsa, u għalkemm tweġġa’ għat-telf li nkunu esperjenzajna, fl-istess ħin issaħħaħna. Li toqgħod ma’ ħaddieħor fil-ferħ u fit-tbatija jibdlek. Jekk tibqa’ miftuħ u lest, jibdlek għall-aħjar. Jgħallmek x’inhu tassew important, li tkun uman ma’ oħrajn, turi kompassjoni, u tħobb bla waqfien, anke meta tweġġa’.

Ix-xogħol tiegħi għallimni li jekk il-bżonnijiet bażiċi tiegħi qed jintlaħqu, jekk niftakar fil-valur u d-dinjità tiegħi, u jekk esperjenzajt l-imħabba, għandi dmir naqsamha. M’għandekx għalfejn tkun involut direttament ma’ nies fil-ħidma tiegħek, kif inhu l-każ tiegħi, biex tgħix b’atti ta’ ħniena.

L-imħabba mhijiex maħsuba biex tinżamm għalina biss; hija maħsuba biex tingħata bla interess. U meta tagħtiha, tirċieviha lura bil-kotra. Tgħallimt li meta tħobb, qalbek tikber, ħajtek timtela, u kull filgħodu tqum b’qalb mimlija gratitudni għad-don tal-ħajja.

Anne Farrugia

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *