
Ħadd ma jista’ jimmagina x’weġgħa ħasset Marija hekk kif rat lil Ġesù tant mill-qrib imma ma tistax tgħinu. Wisq anqas binha hekk kif jilma” lil ommu mingħajr ma jista’ jintelaq fi ħdanha.
Din hija r-realtà ta’ diversi persuni fil-ħabs li jispiċċaw imbiegħda minn qrabathom. Minkejja li jkunu tant qrib tagħhom, xorta waħda jkunu ‘l bogħod: element li xtaqt nesprimi fil-biċċa xogħol tal-arti.
Wieħed jinnota tliet figuri prinċipali: lill-persuna fil-ħabs li qed jieħu post Kristu fuq naħa, lil Marija li tirraprezenta lill-ommijiet fuq naħa oħra, u lil Kristu msallab f’nofshom li qed jgħaqqadhom. L-imsallab qiegħed jixħet il-ħarsa tiegħu fuq il-persuna fil-ħabs u fl-istess waqt, it-tnejn li huma għandhom l-istess wiċċ, simbolu li xtaqt noħloq biex nuri li Kristu verament jinsab f’kull persuna. L-idejn huma mġebbdin biex iġeddu dik l-imħabba ta’ bejn l-omm u l-iben, iżda l-gradilja kiefra tal-ħabs mhux tippermetti li dan isir: id-dgħufija tal-bniedem tifirdu minn m’Alla u l-proxxmu.

Il-materjal fl-istampa jidher li għadu tafal, prodott li tagħtina n-natura. Il-persuna fil-ħabs, bħat-tafal li jsir fuħħar, qiegħed f’mixja waqt li qed idur lejn Alla u jħoss il-ħtieġa li jinxteħet f’idejh, proprju kif ilissen il-Profeta Ġeremija, “Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja.” (Ġer 18:1-6)


