Id-Disa’ Waqfa: Ġesù jiġi msammar mas-salib

B’rasi baxxuta, id-dnub tiegħi jagħlaqni fija nnifsi. Dan id-dnub jaqtagħni minn ma’ ħuti l-bnedmin, jaqtagħni minn m’Alla, u jaqtagħni wkoll minni nnifsi. Ma xtaqtx, jew forsi ma ħsibtx, li ser inweġġa’ lill-oħrajn b’dak li għamilt u li ma għamiltx, u wisq anqas ħsibt li ser inweġġa’ lili nnifsi. Issa nsib ruħi iżolat u waħdi, jaħkmuni l-biża’, l-ansjetà u s-solitudni.

Izda Ġesù, permezz tal-imsiemer li nifduh u li żammewh fuq is-salib, jipprezentali offerta ta’ mħabba kbira. Dawk l-imsiemer f’idejja nħaddanhom miegħi. B’tgħanniqa kbira, issa fl-aħħar ninsab meħlus permezz tiegħu.

F’dan il-proċess ta’ ħajti, issa nħallih jaħdem fija, inaqqax, u jwassalni biex inkun tassew persuna ġdida. Imħabbtu tippermettili li nħobbu lura, tippermettili nħobb lil dawk ta’ madwari mingħajr ġudizzju, u issa, sa fl-aħħar, tippermettili wkoll li nħobb lili nnifsi bi ħniena u mogħdrija.

Fuq Tlieta - Benjamin Flores Martin, Kristu fil-habs