Is-Seba’ Waqfa: Il-Waqgħat ta’ Kristu

L-Ewwel Waqgħa

Il-Qtar li jimla l-qalb - 1 - Joseph Degabriele, Kristu fil-Habs

It-Tieni Waqgħa

Il-Qtar li jimla l-qalb - 2 - Joseph Degabriele, Kristu fil-Habs

It-Tielet Waqgħa

Il-Qtar li jimla l-qalb - 3 - Joseph Degabriele, Kristu fil-Habs

L-aktar mument tal-biża’ f’dan il-vjaġġ kollu huwa li nara lili nnifsi bħala “artist”. Madankollu, fl-istess vjaġġ tal-kreazzjoni tax-xogħol li ħloqt, sirt aktar konxju li fil-verità m’iniex artist, imma sempliċiment strument f’idejn Alla, li permezz ta’ xi forma ta’ kreazzjoni jintuza għall-ġid (għall-inqas hekk nittama) ta’ ħaddieħor.

L-għazla li niffoka fuq l-istazzjonijiet tal-waqgħat ta’ Kristu saret għax b’xi mod hemm rabta bejniethom, kontinwità ta’ waqgħat u qawmien. Fihom hemm riflessjoni tal-esperjenza tal-vjaġġ tal-ħajja, jew tas-sempliċi fatt li ngħixu fuq din l-art. Fil-ħajja naqgħu fi drawwiet li mhux bilfors huma ta’ ġid għalina: f’solitudni, f’rutina ta’ xogħol bla tmiem. Rutina li tnessina nieqfu, niftħu għajnejna u nħarsu ’l fuq, lejn naħa oħra tar-realtà.

It-tliet biċċiet tar-rakkmu huma mdendlin b’mod li juru ż-żewġ naħat tal-istorja, in-naħa sabiħa u pulita, u n-naħa li turi l-ħidma u li mhijiex wisq pjaċevoli biex tħares lejha. It-tnejn huma tal-istess importanza għax hija l-ħidma li toħrog is-sbuħija.

Ma nistgħux inħarsu biss lejn naħa waħda, speċjalment ta’ persuna. Jekk inħarsu minn angolu differenti, dejjem hemm xi sbuħija li warajha hemm storja jew ħidma. Dak li jidher pożittiv, perfett u bla ħsara, għandu ukoll in-naħa ta’ ħidma u ta’ tbatija tiegħu.

Dik l-istorja li bdiet b’tant makabrità u krudeltà: – ragel ta’ 33 sena mkaxkar fit-toroq, imsawwat u mdendel fuq salib – tintemm fil-mument glorjuż tal-Qawmien mill-Mewt, is-Salvazzjoni tagħna mogħtija lilna fuq platt tal-fidda. Qawmien li ma sarx mingħajr ħafna tbatija u ħidma.

Il-waqgħat f’ħajjitna kultant huma propju dak li għandha bżonn biex inħarsu ’l fuq biex naraw xi ħaġa ferm akbar minna: l-imħabba ta’ Alla, is-Salvazzjoni fuq platt tal-fidda! Tul il-waqgħat tiegħu, Ġesù sab nies bħal Xmun u Veronika, li wrewlu l-imħabba tagħhom. U xi drabi aħna ninjoraw jew ma nagħtux kas li l-imħabba ta’ Alla tgħaddi ukoll permezz ta’ ħaddieħor, xi ħadd li għandu s-sabiħ u l-ħidma tiegħu.

Fir-rakkmu naraw żewġ qatriet demm u l-qalb li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru ’l bogħod mill-waqgħat. Imma permezz ta’ dawk il-waqgħat, Hu baqa’ jxerred demmu u juri l-imħabba kbira tiegħu; l-unika mħabba li tassew timla’ qalbna sax-xifer u tfur!

Kemm jien iblah meta xi kultant naħseb li jekk inxerred demmi, l-għaraq u d-dmugħ tiegħi fuq ix-xogħol u d-divertiment, ikolli qalb mimlija! Ix-xogħol u d-divertiment huma meħtieġa, iżda b’xi mod dawn isibu t-tifsira vera tagħhom fi ħdan l-imħabba tiegħu.

Il-ġisem iġorr bejn ħames u sitt litri demm. Filwaqt li inti qiegħed tħares lejn żewġ qatriet demm u qalb, tista’ tirrifletti fuq kemm “demm” ixxerred għal ħaddieħor biex tkun dik il-persuna li tgħaddi l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn?