
Dan ir-ritratt jesplora t-tensjoni bejn il-prezenza u n-nuqqas tagħha billi juża d-dlam u l-moviment imċajpar biex juri stat ta’ piż psikologiku. L-idejn jidhru ħergin minn vojt mudlam; ġest li, mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher frammentat li jixhed taqlib intern u l-għatx li wieħed ikun mismugħ. L-aħmar jagħti sens t’urgenza, imma mhux biss. L-istess kulur jgħajjat l-ugigħ, ir-rabja, u d-dgħufija. In-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċizjoni jixhdu t-telfien tal-kontroll, bħal donnu l-ġisem u l-moħħ qed jitqabdu ma’ xulxin fi ġlieda għall-ħelsien.
L-għan ta’ dan ir-ritratt hu li – fl-esperjenza ta’ din il-figura għatxana li toħroġ minnha nfisha iżda maqbuda mid-dlam – jitqanqlu fik sens ta’ skumdità u empatija. X’tikkunsidra li jidher nieqes f’dak li qed tara?
Dan ix-xogħol hu marbut mar-riflessjoni tar-resident fil-ħabs li jitkellem dwar ħajja mgħaddsa fid-dnub, fil-konsegwenzi tiegħu, u fit-telfien tal-libertà u l-imħabba. Fost il-ġlidiet interni riflessi fil-ġesti mċajpra, nistgħu nagħrfu r-rabja li kultant ikollna lejn
Alla, lejna nfusna, u lejn l-oħrajn. F’dan kollu, hemm ukoll għarfien imġedded: li Kristu għexha l-konsegwenza tal-ħabs. Id-dgħufija ma ċaħadhiex. Dan ix-xogħol iħabbrek li jsieħeb lilek f’dan il-vjaġġ: li inti wkoll tressaq it-toqol li qed tħoss fil-preżent u li jġiegħlek tħossok li m’intix denju. Ressqu lejn Alla, li b’ċertezza u ċarezza min-naħa tiegħu, lest iħares f’għajnejk bi mħabba u jġorr il-piż miegħek.



