Il-Ħames Waqfa: Il-Veronika tixxotta l-wiċċ ta’ Ġesù

Għażilt din il-waqfa għaliex fiha l-Veronika turina fejn u kif nistgħu naraw lil Ġesù, jigifieri fit-tbatija tal-oħrajn. Fiha wkoll naraw kif nistgħu ngħinu lil ħaddieħor billi nagħmlu kif għamlet hi u nħennu.

Pruvajt nuri l-laqgħa tal-Veronika ma’ Ġesù b’mod differenti, frisk u intimu, minflok is-soltu mara turina maktur b’wiċċ Ġesù fuqu. Ridt nuriha fil-mument li qed timsaħlu wiċċu, wara li t-tbatija tiegħu missitilha qalbha. Ħalqha miftuħ qisha qed titkellem miegħu. Ġesù, għalkemm bil-kuruna tal-ktajjen fuq rasu (ktajjen għaliex fil-ħabs, marbut u mtaqqal bit-tbatijiet tiegħu u tagħna), fl-istess ħin huwa kalm u fil-paċi (għajnejn magħluqa) hekk kif qed jaċċetta l-imħabba u l-għajnuna tagħha.

Iffukajt fuq l-uċuh biex l-esperjenza tkun izjed personali u intima. L-intimità hija wkoll mod kif il-Veronika għamlet dak li jgħidilna Ġesù, jiġifieri li ngħinu mingħajr ma noqogħdu niftaħru. L-uċuh jistgħu jkunu tiegħi jew tiegħek. Il-ħwejjeġ ma jidhrux biex ma jkunux persunaggi ta’ żmien Ġesù, jew tal-lum. Il-maktur huwa estensjoni ta’ jdejn il-Veronika, li waqt li qed timsaħlu wiċċu, qiegħda bħal tmellsu.