
Għażilt din il-waqfa għaliex tittratta l-qawmien, u fiha nara l-fejqan mill-mewt u t-tbatija. Din kienet l-idea li ppruvajt nuri fix-xogħol tiegħi. Ridt noħloq il-forma ta’ trijangolu jħares ’il fuq. Ridt nuri kemm lil Ġesù tiela’ s-sema, imma fl-istess ħin anke lin-nies li qed isalva. In-nies huma anonimi. Kulma jidhru huma l-idejn ippuntati lejn Ġesù, jiffurmaw trijangolu jħares ’il fuq. Qed joffrulu t-tbatijiet u d-diffikultajiet tagħhom. Hemm diversi problemi u sfidi: minn dawk tal-iskola (il-ktieb), persuna b’diżabilità (id bi swaba maqtugħa, u ktieb bil-Braille), persuna bil-guħ (platt vojt), persuna l-ħabs (b’idejha marbuta fil-ktajjen), dipressjoni (id bit-tatù ta’ semi-colon), u id ta’ anzjan.
Ġesù huwa Kristu Rxoxt, tiela’ s-sema fil-forma tradizzjonali, biex jingħaraf faċilment. Huwa u tiela’ s-sema qed jitfa’ r-raggi tal-grazzja tiegħu lejhom, biex ifejjaqhom. Ir-raġġi ġejjin ukoll minn fuq, mis-sema, li hija l-post fejn ilkoll, jekk nimxu wara Ġesù Rxoxt, irridu mmorru.



