
Dak li laqatni l-aktar fir-riflessjoni kien il-kliem: “tara l-ħajja għaddejja minn fuqek bħal karozza sparata.” F’dik l-immaġni rajt realtà li għexna lkoll bħala soċjetà, speċjalment waqt Covid-19: is-solitudni. Imma hemm min ilu jgħix din ir-realtà ħafna qabel il-pandemija, u ħafna għadhom jesperjenzawha sal-lum, fosthom l-anzjani tagħna. Spiss narahom iħarsu mit-tieqa, bħal qishom qed jistennew lil xi ħadd jiftakar fihom.
Ir-ritratt tiegħi jipprova jaqbad dak il-mument ta’ stennija: persuna mdawra bil-ħitan familjari ta’ darha, mimlija memorji taż-żmien l-imgħoddi, li tiftakru hi biss fis-skiet tas-solitudni. Wiċċha lejn id-dawl, lejn id-dinja ta’ barra, imxennqa għall-kuntatt. Tara l-attività fit-triq, kulħadd għaddej bil-ħajja mgħaġla tiegħu. U hi hemm, tistenna bħal ruħ fil-purgatorju, imxennqa għall-kuntatt.
Kultant, l-ikbar ħabs ma jkunx spazju magħluq, imma li tkun minsi.



