Nħawlu t-Tama: Is-Saħħa f’Ġesti Żgħar ta’ Mħabba

Read this article in English

Proverbju Malti jgħid li min jgħix bit-tama jmut bil- piena. Forsi l-apatija ta’ ċertu realtajiet madwarna huma rifless ta’ dan. Madanakollu jien nippreferi nħares lejn naħa oħra tat-tama għaliex nemmen li hi t-tama li tgħajjex lill-bidwi. Jekk il-bniedem iħares lejn in-natura jinduna li fiha hemm teżori moħbija, tagħlim kbir ta’ dak li hi l-ħajja. U jekk in-nisrani jifli bir-reqqa l-ħolqien jintebaħ li hemm profezija f’dan kollu, għax in-nisrani hu msejjaħ biex jara lill hinn mill-qoxra ta’ barra. Il-bidwi jiżra, u jgħix kuljum b’tama li dak li żera’ jinbet u jikber. Għalih fiż-żerriegħa ċkejkna hemm moħbija profezija li turi ħajja fil-milja tagħha-ħajja sħiħa. U dan kollu jsir mingħajr ħafna storbju:

” iż-żerriegħa tinbet u tikber bla ma jaf kif “

Mark 4:27

Hekk ukoll fil-ħajja tagħna, il-bniedem jgħix bit-tama li dak li jiżra’ jinbet f’xi ħaġa li tagħti l-ħajja. Iħares madwaru u fiċ-ċokon tiegħu jagħti daqqa t’id lil min hu fil-bzonn għax jaf li dan jista’ jimla’ lill- ieħor b’tama sabiex ikompli l-vjaġġ tal-ħajja. Allura t-tama u l-ħniena jistgħu jkunu żewġ naħat tal-istess munita, għaliex bħalma hemmx tama mingħajr ħniena, ma jistax jkun hemm ħniena li ma twassalx għal tama.

Spiss niltaqa’ ma żgħażagħ li ma jistaqsux dwar l-esistenza ta’ Alla, imma l-mistoqsija ċentrali tkun: Imma Alla fejn ikun meta tant bnedmin ibagħtu? Fejn hu Alla meta jien ngħaddi minn żmien diffiċli fejn donnu kollox jidher ġej bil-kontra? Naħseb l-ebda bniedem m’għandu bżonn lil Alla jekk mhux vicin, jekk mhux qrib fl-aktar qiegħan fondi. L-opri tal-ħniena huma għalhekk mod l-aktar prattiku ta’ kif Alla jinżel qrib tagħna biex jurina li hemm tama f’dak li qed tgħix. Li xejn mhu moħli, mitluf jew bla skop. U dan jagħmlu permezz ta’ ħaddiehor li jitimgħek, jisqik, ilibsek, jilqgħek f’daru, jew jiġi jżurek marid jew fil-ħabs.

Ma nahsibx li hi kumbinazjoni li bl-ebrajk il-kliem “speranza” u “stennija” huma ħafna drabi użati f’konnesjoni. Dan narawh wkoll fl-għerq komuni fil-Latin ta’ dawn iż-żewg kelmiet. Kull stennija tkun mimlija tama jekk insib lil min idawwal it-triq permezz ta’ għajnuniet li juruni li Alla fit-tjiebaa tiegħu jrid li nkun akkumpanjat. Bl-istess mod jien nista’ b’mod l-aktar konkret inkun ta’ tama għal haddiehor permezz tal-opri tal-ħniena.

Il-profeta Izaija jghid li

“ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tieghek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek”
meta “taqsam ħobżok ma’ min hu bil-guħ, u ddaħħal f’ darek lill-imsejken bla saqaf”, “meta tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx”

Is 58:7-8

Id-dawl fil-ħajja tiegħek hi din it-tama li tfiġġ mhux biss għal min qiegħed tagħti l-għajnuna imma wkoll għalik li qed toffri daqqa t’id b’imħabba lil ħaddieħor. Ftit ftit tiskopri li meta tinfetaħ ghal ħaddieħor jingħalqu l-ġrieħi tiegħek. Għan-nisrani, t-tama mhix waħda fiergħa propju għal din ir-raġuni. Kull opra tal-ħniena timla’ b’sinifikat zmien ta stennija, timlieh b’tama, għax fl-għajnuna minn dawk ta’ madwari nibda induq togħma tal-eternità. kull opra tal-ħniena turini li l-ħajja fiha sens għax mghejxa flimkien b’kompassjoni lejn xulxin. B’hekk Alla jibqa’ vicin, anzi jsir aktar vicin. B’hekk it-tama fl-Alla, it-tama għal dak li hu sabiħ, għal dak li hu tajjeb, għal dak li jibqa’ għal dejjem tibqa’ ħajja. U hekk kull tifel, kull żagħżugħ, kull bniedem jghix il-preżent b’tama ċerta lejn futur isbaħ: 

“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama.”

Ger 29: 11

Rosemarie Schembri