Kif l-Opri tal-Ħniena Spiritwali huma Mezz biex Titwassal it-Tama fid-Dinja

Read this article in English

“F’dinja li, sfortunatament, ġiet feruta mill-virus tal-indifferenza, l-opri tal-ħniena huma l-aqwa antidotu.”

Papa Franġisku

Il- Knisja tirrikonoxxi wkoll mezzi oħra kif nistgħu nuru ħniena lejn għajrna. Dawn jissejħu l-opri tal-ħniena spiritwali.

Matul l-udjenza ġenerali kkwotata iktar ’il fuq, il-Papa Franġisku qal li dawn l-opri tal-ħniena spiritwali huma relatati ma’ ħtiġijiet umani, li jolqtu b’mod partikolari r-ruħ tal-persuna, u li sikwit ikunu l-kaġun tal-akbar tbatijiet. Għalhekk, meta nieħdu ħsieb dawn il-ħtiġijiet inkunu qisna qegħdin nixegħlu fjamma kbira ta’ tama li twassal id-dawl lil dawk li qegħdin ibatu fid-dlam.

Is-seba’ opri tal-ħniena huma:

Agħti Parir Tajjeb lill-Ħosbien

Mhix xi ħaġa rari li sħabna jew anki membri tal-familja viċina jgħaddu minn perjodi ta’ dubju jew anki kriżi fir-rigward tal-fidi tagħhom. Jista’ jkun li jiltaqgħu ma’ ċerti sfidi għat-twemmin tagħhom li jwassluhom biex serjament jiddubitaw ir-reliġjon, forsi jsiru suspettużi minn dak li toffri, jew saħansitra jabbandunawha għal kollox. Jista’ jkun li wieħed jgħaddi minn problemi relatati max-xogħol tiegħu, mal-finanzi, mar-relazzjonijiet jew mas-saħħa, u jibda jiddubita jekk Alla huwiex tassew hemm miegħu fit-tbatija vera tiegħu. Huma x’inhuma r-raġunijiet jew iċ-ċirkustanzi, hija possibbiltà realistika ħafna li nsibu ruħna f’sitwazzjoni fejn tali persuni jaqsmu magħna d-dubji tagħhom. Jeħtieġ li nisimgħuhom, li nuruhom kumpassjoni u empatija, u li nimxu ma’ dawn il-persuni. Biex dan l-akkumpanjament ikun awtentiku, dan jeħtieġ ukoll l-għoti ta’ pariri – meta u fejn ikun prudenti. Bħala Nsara, aħna nafu li ma hemmx tweġiba aħjar għall-ħajja mill-imħabba ta’ Alla għalina. Ma hemmx ġid akbar għall-bnedmin mill-milja vera tagħhom f’Alla. Għalhekk, permezz tal-fomm u tal-eżempju, skont kemm aħna viċin il-persuna ħosbiena, kwalunkwe parir li nagħtuhom għandu jkun immirat biex jorjentahom, bi mħabba, lejn Ġesù, l-unika tama vera tagħna. Skont iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jissuġġerixxi, b’mod rispettuż, modijiet għall-persuna ħosbiena biex tapprofondixxi u ssaħħaħ il-Fidi tagħha, pereżempju billi jippuntaha għand direttur spiritwali esperjenzat, jistedinha tingħaqad ma’ komunità Kattolika jew grupp Kattoliku li joffri formazzjoni tajba, jew billi jipprovdilha riżorsi Kattoliċi ta’ għajnuna.

Għallem lil Min ma Jafx

Xi drabi, id-dubji u d-diffikultajiet fil-mixja tal-ħajja ta’ persuna jkunu joriġinaw minn fehmiet żbaljati jew saħansitra nuqqas ta’ għarfien tal-verità. Aħna ngħixu f’dinja fejn ħafna ħsejjes differenti jinsabu l-ħin kollu jiġġieldu għall-attenzjoni tagħna, waqt li kollha kemm huma jgħidu li għandhom iċ-ċwievet għall-ferħ tagħna, is-soluzzjonijiet għall-problemi tagħna. Madankollu, hemm biss sors wieħed etern tal-verità li tassew ifejjaq u tassew jagħti l-ħajja. Persuna b’qalb umli tfittex il-veritajiet ta’ Alla. Il-Knisja hija x-xandara ta’ dawn il-veritajiet, u hi tgħaddihom lilna fit-tagħlim tagħha. Sfortunatament, il-vuċi tagħha sikwit jiġi msikket mill-ħsejjes storbjużi tad-dinja, li jikkompetulha. Jekk aħna nkunu rċevejna l-grazzja ta’ struzzjoni Kattolika tajba, ikun att kbir ta’ ħniena li naqsmu dan it-tagħlim ma’ dawk li għadhom bil-għatx għalih. Dan jista’ u għandu jsir biss fi spirtu ta’ umiltà kbira, filwaqt li nirrikonoxxu li ċerti veritajiet huma wisq sbieħ biex ma naqsmuhomx mal-oħrajn. Hija dikjarazzjoni kuraġġuża ta’ tama li nħabbru li l-imħabba tirbaħ fuq il-ħażen, li l-isbuħija tirbaħ fuq il-kruha, li l-armonija tipprevali fuq id-diżordni, u dan huwa dak li nagħmlu meta naqsmu l-verità Nisranija ma’ dinja li ma tafhiex.

Widdeb lill-Midinbin

Ġesù rrefera għalih innifsu bħala l-Verità, it-Triq u l-Ħajja. Il-Knisja tiegħu timpenja ruħha biex taqsam il-verità salvifika tiegħu mad-dinja. Madankollu, il-ħażen jipprova joskura l-verità u jimbotta dak li huwa falz minflokha. Sikwit jiġri, pereżempju, li mġiba jew attitudnijiet immorali u distruttivi li jbegħduna minn Alla (u allura, jbegħduna mill-ħajja), jiġu eżaltati bħala tajbin u liberatorji, filwaqt li affarijiet qaddisa li jmexxuna lejn Alla, jiġu ttimbrati bħala oppressivi jew skaduti. Dan jista’ jiżvija lin-nies biex jadottaw drawwiet u stili ta’ ħajja tad-dnub, li jżommuhom ’il bogħod mill-milja umana awtentika tagħhom. Id-dnub ijassarna bil-gideb tiegħu. Alla jeħlisna bil-verità tiegħU. Hija opra tal-ħniena liberatorja li ngħinu lil dawk li tjassru mid-dnub biex jirritornaw għal-libertà. Jekk aħna verament inħobbu lil xi ħadd, ma nistgħux napprovaw id-dnub tiegħu. Il-verità vera tfittex il-ġid veru tal-persuna l-oħra, anki jekk dan jista’ jkun ifisser konverżazzjoni skomda magħha. Filwaqt li għandna dejjem niddistingwu l-midneb mid-dnub innifsu, xi drabi jkun ta’ ġid li b’mod rispettuż navżaw u nikkoreġu lill-persuna li nħobbu, speċjalment jekk jippersistu fit-twettiq ta’ dak li Kristu u l-Knisja tiegħU jgħallmu li huwa ħażin. Ġesù qal li “l-verità teħliskom” (Ġw 8:32), u l-proponiment tal-ħelsien mill-jasar tad-dnub jista’ jservi bħala raġġ imdawwal ta’ tama għal dawk li għadhom fil-ktajjen.

Farraġ lill-Imnikktin

Meta persuni jgħaddu minn żminijiet partikolarment iebsa, xi drabi jkun diffiċli li nsibu l-aqwa kliem biex ngħidulhom. Pereżempju, f’każ ta’ mard serju, tbatija jew telf. Madankollu, aħna nistgħu nikkonfortaw lil dawn il-persuni b’modijiet oħra. Il-preżenza tagħna, id-disponibbiltà tagħna biex ngħinu, jew imqar li nkunu hemm u nisimgħuhom. Li noffrulhom l-appoġġ u s-simpatija, u li nuruhom li aħna dejjem ninsabu telefonata ’l bogħod. Li nibagħtu messaġġ jew niktbu kartolina lil xi ħadd imnikket jew li jinsab waħdu jista’ jagħmel differenza kbira. Meta s-sitwazzjoni tkun tippermetti, kliem ta’ konsolazzjoni u inkoraġġiment jistgħu jgħinu lil persuna biex tħares lil hinn mid-dlam immedjat u biex tittama f’futur aħjar. Alla ma jixtieqx lil uliedu jiddispraw iżda jridhom ikunu poplu ta’ tama. Minkejja kemm tista’ tkun kerha xi sitwazzjoni partikolari, Hu jista’ jaħdem fina biex iġib din it-tama lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Wara kollox, it-tama tagħna fiH testendi lil hinn mil-limitazzjonijiet li għandna f’din id-dinja, lejn l-etern.

Aħfer il-Ħtijiet

Kull darba li nitolbu l-Missierna, nitolbu lil Alla biex jaħfrilna dnubietna. Din il-maħfra hija bbażata fuq kundizzjoni: “bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. Ġesù jiddikjara li jekk ħuk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata u jdur lejk seba’ darbiet b’sogħba, mela trid taħfirlu (Lq 17:3-4). Dan ifisser li jekk persuna li wettqet inġustizzja kontrina tindem, aħna ma nistgħux nirrifjutaw il-maħfra tagħna. Jekk il-persuna hija verament sogħbiena, aħna rridu dejjem inkunu lesti biex naħfru, u ma għandniex nibqgħu nżommu r-riżentiment jew il-mibegħda ġewwa fina b’imrar. Irrispettivament minn kemm nista’ nħoss li ġejt ittrattat/a ħażin/a jew inġustament, għandi dejjem niftakar li Ġesù Kristu ġarr fuqu d-dnubiet personali tiegħi kollha, b’imħabba, fuq is-salib. Jekk Hu, l-Iben perfettament innoċenti ta’ Alla, għażel li jġorr il-piż ta’ dnubieti u jaħfirli (forsi anki ripetutament), kif nista’ jiena, midneb/midinba, ma naħfirx lil midneb ieħor bħali? Il-maħfra tal-bnedmin tirrifletti t-tama ċerta li aħna lkoll għandna li l-maħfra ta’ Alla tinsab dejjem lesta biex tingħatalna, sakemm aħna ġenwinament nindmu minn dnubietna.

Stabar bl-Oħrajn

Xi drabi jista’ jkun li nkunu msejħa mhux biss biex naħfru xi inġustizzja kontrina, iżda biex insofru xi inġustizzji għal tul ta’ żmien, bis-sabar. Dan jista’ jkun minħabba li xi ħadd f’ħajjitna ma nidimx mill-inġustizzja li kkawżalna. Forsi għadhom ma indunawx jew ma fehmux li dak li qed jagħmlu huwa inġustizzja. Jista’ jkun li għadhom għaddejjin minn proċess ta’ maturazzjoni u, fl-istess waqt, iweġġgħuna bi kliem jew azzjonijiet traskurati. Ikun xi jkun il-każ, aħna msejħa biex nevitaw l-imrar minħabba l-inġustizzji mwettqa fil-konfront tagħna, u biex inġorruhom bħala slaleb fil-ħajja ta’ kuljum tagħna, bħalma Ġesù ġarr is-salib tiegħu fuq il-Kalvarju. Dan ma jfissirx li ma għandniex nippruvaw nirrimedjaw l-inġustizzji, jew saħansitra li naħarbuhom fejn possibbli (speċjalment jekk huma ta’ natura serja). Madankollu, hemm ħafna okkażjonijiet fejn huwa tassew impossibbli li wieħed jevita l-effetti tal-inġustizzji mwettqa minn oħrajn fil-konfront tiegħu. F’dawn il-każijiet nistgħu nagħżlu jew li ngħixu b’rabja u riżentiment kostanti, jew inkella li noffru l-uġigħ tagħna lill-Mulej, li ngħaqqdu t-tbatija tagħna mas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib. Fl-aħħar mill-aħħar dan huwa li jeħlisna, u li jippermettilna nesperjenzaw paċi interjuri li Alla biss jista’ jagħti, minkejja s-sitwazzjoni imposta fuqna. Il-paċenzja hija frott tal-Ispirtu s-Santu, għalhekk ejja nitolbu l-għajnuna tiegħU. Meta nistabru bl-oħrajn, noffru sinjal ta’ tama lid-dinja: sinjal li hemm realtà ħafna akbar minn dak kollu li nistgħu niggwadanjaw, nitilfu jew insofru f’din id-dinja.

Itlob ‘l Alla għall-Ħajjin u għall-Mejtin

It-talb huwa mezz b’saħħtu ħafna ta’ kif niftħu qlubna għall-oħrajn. Meta nitolbu għall-oħrajn, inkunu qegħdin ninterċedu għalihom quddiem alla, u nitolbuH isawwab il-grazzji tiegħu fuqhom. Alla jitqanqal bl-imħabba tagħna għall-oħrajn meta nressquha quddiemU fit-talb. Bħalma l-Madonna u l-Qaddisin jinterċedu għalina fil-Ġenna, hekk ukoll nistgħu nagħmlu aħna għall-oħrajn b’diversi modi, inkluż permezz ta’ talb personali u spontanju jew billi noffru intenzjonijiet b’talb aktar strutturat. Wieħed mill-aktar modijiet b’saħħithom biex nagħmlu dan huwa permezz ta’ quddies offruta b’intenzjoni. Waqt il-quddies, isseħħ l-ogħla u l-aqwa offerta lill-Missier – is-sagrifiċċju ħieles ta’ Ibnu stess. Meta ngħaqqdu t-talb interċessorju tagħna flimkien ma’ dan l-eqdes sagrifiċċju, il-grazzji spiritwali li jinżlu bħal xita mill-Ġenna, huma immensi. Il-mejtin fil-purgatorju jistgħu wkoll jibbenefikaw minn dan it-talb interċessorju. Ejjew niftakru b’mod frekwenti dawk l-erwieħ li qegħdin isofru u ninterċedu għalihom meta nistgħu. Hija wkoll xi ħaġa sabiħa li ninterċedu għal dawk l-erwieħ, li isimhom ma nafuhx, iżda li ma għandhom lil ħadd fid-dinja li għadu jiftakarhom. Dawn l-erwieħ jafu jinterċedu bil-ħerqa għalina ladarba jaslu l-Ġenna. L-għarfien li kemm il-ħajjin u kemm il-mejtin jinsabu marbuta fit-talb għal xulxin bħala familja waħda mhux mifruda, huwa sinjal speċjali ta’ tama Nisranija għal dinja bla tama. Tama li hija aktar b’saħħitha mill-mewt stess.

Benjamin Camilleri