Meta seħħ it-terremot fit-Turkija u s-Sirja, il-Parroċċi Maltin, flimkien ma’ entitajiet oħra, weġibna għas-sejħa għall-għajnuna. Forsi ninsew li eluf ta’ nies għadhom hemm u qed jippruvaw jibnu ħajjithom mill-ġdid.

SOS Malta, organizzazzjoni Maltija li bniet isem għaliha f’sitwazzjonijiet umanitarji u t’emerġenza bħal dawn, kienet minn tal-ewwel li marret fuq il-post. Ir-rappreżentanti ta’ SOS Malta llum waslu biex ingħataw roqgħa art fejn bnew villaġġ ta’ tined għal 70 familja u tinda kbira f’nofs l-istess villaġġ biex tintuża bħala skola.

Wara taħdidiet bejn Vigarjat Djakonija, Malta Catholic Youth Network (MCYN) u SOS Malta, qed nipproponu li nidħlu f’kollaborazzjoni.

IL-BŻONN URĠENTI

  • Bħal f’pajjiżna, is-sajf f’dan ir-reġjun huwa kiefer, forsi iktar minn tagħna. Żgur li kif nafu, it-tined isiru fran fix-xemx. Is-soluzzjoni possibbli hi li kull tinda jkollha cooler u fuq it-tinda eżistenti tintrama fly-sheet (qisu l-materjal l-aħdar li nużaw Malta biex ikollna d-dell). Dawn jinxtraw minn post viċin u jiġu installati min-nies tal-post taħt it-tmexxija tar-rappreżentanti ta’ SOS Malta.
    Il-pakkett sħiħ li jinkludi cooler, flysheet u l-istruttura jiswa 300 ewro.

    Qed nistiednu lill-parroċċi Maltin jieħdu impenn li jiffinanzjaw cooler u struttura tad-dell għal tinda jew aktar. Aħna nipprovdu materjal li bih ninfurmaw il-komunità, nilqgħu mistoqsijiet biex in-nies ikunu infurmati aħjar u jkun hemm sit elettroniku fejn l-iżvilupp fil-villaġġ ikun jista’ jiġi segwit permezz ta’ ritratti u kitbiet.
  • Nistiednu nies ta’ ’l fuq minn 18-il sena li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-opportunità ta’ ġimagħtejn volontarjat fil-villaġġ matul is-sajf biex ikellmuna.

  • Naħdmu mal-parroċċi Maltin biex membri tal-komunitajiet tagħna li jagħmlu esperjenzi barra minn Malta, fosthom din, isibu għalqa għammiela fil-parroċċi tagħna. Dan permezz ta’ opportunitajiet ta’ formazzjoni u azzjoni li niżviluppaw flimkien miegħek bħala kappillan skont il-bżonn fil-komunità tiegħek.

Jekk int interessat jew tixtieq iktar informazzjoni, ibgħat SMS/whatsapp fuq +356 79822886 u nċemplulek aħna.

Grazzi!