Il-ħabs. Jekk b’xi mod ġarrabtu jew jekk forsi qatt ma missejt miegħu, huwa esperjenza li lkoll nippruvaw niċċensuraw minn ħajjitna, u bir-raġun. Il-ħajja kif inhi diġà ċċaħħadna mill-milja tal-libertà. Kristu, fil-ħajja umana tiegħu, il-ħabs ma jiċċensurahx: esperjenza li ftit li xejn nieqfu magħha. U bħalu, mijiet u eluf li ħabirku biex jimxu fuq kelmtu. Skomda li l-istess Alla tal-kollox jingħata f’idejn awtorità umana u inġusta. Mhux b’mażokiżmu imma b’turija li hu x’inhu l-qiegħ li ninsabu fih, m’hemmx realtà li hu ma ġarrabx. Turija li tinsab fejn tinsab, hu x’inhu l-ħabs tiegħek, Kristu mxennaq li jimxi miegħek.
Dan hu dak li qed taspira ‘Kristu fil-Ħabs’, esebizzjoni tal-arti minn għadd ta’ żgħażagħ artisti li spiraw ruħhom minn 15-il riflessjoni tal-Via Sagra minsuġa minn 9 priġunieri, omm ta’ priġunier, soru voluntiera, gwardjan, eks-Kappillan u eks-Direttur tal-ħabs. L-arti li tikkumplimenta dawn ir-riflessjonijiet u esperjenzi umani se jkunu qed jistednuk issieħeb l-immaġnijiet ta’ ħabs li lkoll natribwixxu għal ħajjitna: ħabsijiet li nesperjenzaw intortament u oħrajn li kultant – minkejja kull tentattiv biex nimxu mar-riga – ma rridux wisq biex nagħrfu kemm huma frott tas-suxxettibbiltà tagħna għall-iżball.
Din il-Via Sagra b’differenza, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni tal-Malta Catholic Youth Network u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, issa ssejjaħ lilek biex tissieħeb f’din l-esperjenza u b’hekk tniżżel l-esebizzjoni fil-kalendarju kulturali tiegħek tul dan ir-Randan.



