Meta nħarsu lejn il-Vanġelu ta’ San Mark, fl-għarfien hu l-iqsar wieħed fost l-erbgħa, jistonaw il-prominenza u d-dettall li jinagħtaw għat-tradiment ta’ Pietru fil-passjoni ta’ Kristu. Huma tant drammatiċi, li ma nistgħux ma niqfux inħalluhom ikellmuna. Ċertament tinħass il-biża’ mill-fatt li n-narazzjoni tieħu postha mad-daħla tal-Palazz. Ma jixtiqx ikun barra, imma mhuwiex ġewwa kompletament. L-arma tas-sejf fil-Ġetsemani fallietu u issa bħal donnu m’għandux iktar għodod għajr li jsegwi mill-bogħod. “M’iniex nifhem x’int tgħid,” irrisponda mal-ewwel akkuża, “…u s-serduk idden” (14:67). Tant hu preokkupat bis-sigurtà tiegħu nnifsu li lanqas jagħti kas tas-serduq. Jipprova jagħmel passejn oħra bit-tama li ma jagħrfuhx, iżda jinkixef għal darba darbtejn. L-infedeltà laħqet quċċata li żgur qatt ma mmaġina li se jilħaq minn meta beda jsegwi ‘l-Imgħallem. Bdiet minn sempliċiment kumment li ma kienx qed jifhem, u dawn progressaw għal gidba waħda wara oħra. Ċaħda. Dan hu dak li għadu jagħmel id-dnub f’ħajjitna: jibda mix-xejn, anke f’mument ta’ fraġilità, u jiprogressa bil-mod, gidba wara l-oħra.

 

Is-serduk reġa’ idden u Pietru ftakar fil-kliem li tant kien iddisturbah waqt l-ikla. Iċċaqlaq minn fejn kien, u f’dak il-mument, Ġesù, kif ħareġ minn quddiem Kajfa, “dar u ħares lejn Pietru” (Lq 22:61). X’imħabba din! Ġesù ma waqafx biss ma twissija fl-ikla bit-tama li jipprevjeni, imma wara l-waqa’, reġa’ intervjena billi jdur u jħares lejh. Sa qabel dik il-ħarsa, Pietru għaraf li wasal biex ċaħad; ma’ dik il-ħarsa, għaraf lil min ċaħad. Din ukoll riflessjoni importanti għalina llum: aħna naħarbu d-dnub mhux sempliċiment biex inżommu xi tip ta’ clean-sheet magħna nfusna; fuq kollox, nagħmlu ħilitna biex naħarbuh għax warajh hemm persuna tant għażiża għalina. Kif jgħid Salm 51: “dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.” Mhux dak li hemm f’għajnejna jew f’għajnejn dawk ta’ madwarna, imma f’għajnejn Alla nnifsu: dawk l-istess għajnejn li jqajmu lil Pietru min-nuqqas ta’ kongruenza mal-kuxjenza tiegħu li s-serduq waħdu ma rnexxilux iqajjem.

 

Meta nixtarru dan kollu, ma nistgħux ma niftakrux ukoll f’Ġuda li n-narrattiva tiegħu hi tant simili għal ta’ Pietru. Bħal Pietru, Ġuda wkoll ġie mwissi fl-aħħar ikla. Bħalu wkoll żbalja. Jekk Ġesù “dar u ħares lejn Pietru,” ma’ Ġuda għamel ħafna iktar: ħallieh ibusu. Iżda, kif nafu, il-kumplament tal-vjaġġ kien differenti għaż-żewġ persunaġġi. Ġuda, bħal Pietru, għaraf ħtijietu (Mt 27:4). Allura x’wassal għad-differenza bejniethom? Pietru wera fiduċja fil-ħniena t’Alla u ħalla lilu nnifsu jiġi maħbub mill-ġdid. Il-Bibbja mimlija b’immaġnijiet simili li l-ħtija teħodhom f’destinazzjonijiet opposti. Kajin u David it-tnejn qatlu. Wieħed imċanfar u l-ieħor eżaltat. Kajin jiddispra fit-twemmin li dnubu ikbar mill-maħfra li qatt seta’ jirċievi (Ġenesi 4:13), u David jafda fil-ħniena t’Alla (Salm 51). Fuq il-Kalvarju għandna l-istess: żewġ ħallelin, bl-istess sentenza. Wieħed jinsulta, u l-ieħor jitlob ħniena. Narrattivi simili imma bi tmiem tant differenti. Għaldaqstant, it-tagħlima ewlenija f’dan kollu x’inhi? M’hemm l-ebda dnub jew ħtija akbar mill-ħniena t’Alla u minn xewqtu li jħobb.

 

Ġew kwotati diversi kotba mill-Bibbja, imma sar enfasi fuq il-Vanġelu ta’ San Mark, li tant jesponi l-ħtijiet ta’ Pietru. Tajjeb inkunu nafu li Mark kiteb il-Vanġelu kif kien deskritt minn Pietru nnifsu, bħallikieku s-segretarju tiegħu. U din tagħtina dimensjoni ġdida għal dak kollu li għadna kif irriflettejna: Pietru jistqarr ħtijietu pubblikament man-nies ta’ żmienu u ma’ dawk ta’ ġenerazzjonijiet oħra. Jagħraf li l-ferħ mill-maħfra t’Alla kien ħafna ikbar milli kieku baqa’ kkunsmat minn dak li xi darba għamel. Jagħraf li l-identità tiegħu tistrieħ mhux fuq dak li jagħmel, imma fuq dak li għalih jagħmel kollox. Fl-istqarrijiet tiegħu hemm xewqa li meta jien u int, xi darba naqgħu bħalu, bħalu wkoll nafdaw fil-ħarsa ta’ mħabba ta’ Kristu.

 

Ispirat minn The Gaze of Mercy, Raniero Cantalamessa, 2015.