Daħal fiż-Żarbun Tagħna u Aħna f’Tiegħu
Imħejjija flimkien mal-Grupp Juventutem Christi, Paola
“Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla” (Lhud 5, 7). F’dan il-vers, l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jippreżentalna lil Ġesù hekk kif sab ruħu fuq in-naħa tagħna tal-abbiss li nfetaħ bejna u bejn Alla minħabba fid-dnub—abbiss hekk kbir li sabiex aħna nerġgħu nitħabbu mill-ġdid miegħu, kellu jkun hu li jaqsam għan-naħa tagħna billi, bħala Alla, jieħu fuqu l-kundizzjoni tagħna l-bnedmin. U għalhekk narawh jitlob u jibki u jitħabat mar-rieda ta’ Alla u jħaddanha b’ubbidjenza proprju minn fuq in-naħa tagħna, fil-kundizzjoni tiegħu ta’ bniedem li, għalkemm ma għamel l-ebda dnub personali, tgħabba bid-dnubiet tagħna lkoll.
Nistgħu ngħidu li, meta sar bniedem, Alla daħal fiż-żarbun tagħna; esperjenza personalment xi tfisser tkun bniedem—xi tfisser tkun adolexxent, żagħżugħ, sa ma laħaq il-maturità umana tiegħu. Aħna u nikkontemplaw dawn il-waqfiet fit-triq tas-salib, filwaqt li naraw kif Ġesù daħal fiż-żarbun tagħna, aħna wkoll ser nidħlu fiż-żarbun tiegħu, nifhmu x’ħass u x’fissret il-passjoni għalih, biex hekk nagħrfu l-imħabba kbira li biha ħabbna.
Rev. Gilbert Scicluna