Jekk qatt pruvajt tħarbex żewġ kordi, xi melodija, jew lirika bil-Malti, dan il-proġett għalik!
Ħarbex huwa proġett ta’ 3 workshops li l-Malta Catholic Youth Network qed torganizza b’kollaborazzjoni mal-Pastoral Formation Institute għal:
- żgħażagħ bejn 18-35 sena;
- individwi li huma involuti f’pastorali maż-żgħażagħ.
L-għan tal-proġett hu li jservi ta’ gwida u ispirazzjoni sabiex tħaddem il-ħiliet mużikali li diġà hemm fik biex jinkitbu għanjiet ġodda għat-talba tal-quddies. Se jkollna magħna għadd ta’ saċerdoti u lajċi li se jaqsmu magħna riżorsi u testimonjanzi li se jħeġġuna nifhmu l-attitudni tagħna fid-diversi mumenti li ngħixu f’din it-talba. Flimkien se jkollna mumenti li fihom se nkunu qed nerfgħu qlubna ‘l fuq, kif aħna mistiedna nagħmlu f’kull quddies.
Ħinijiet ta’ inkontri ma’ xulxin mhumiex se jkunu neqsin, u xejn inqas ħinijiet allokati biex nibdew inħarbxu xi ħaġa wkoll, kemm b’mod individwali, kif ukoll ma’ ħaddieħor. Għandna xewqa kbira li, flimkien magħkom, nixegħlu mqar fjamma t’interess u ta’ bidu. Niltaqgħu!
Dati : Is-Sibt 27 t’April | Is-Sibt 25 ta’ Mejju | Is-Sibt 22 ta’ Ġunju
Ħin: 08:30 – 15:30
Post: Sala San Ġwanni Pawlu II, Attard