Din hija t-tielet parti mis-serje Tug of War, riżorsa maħsuba għaż-żgħażagħ minn Malta Catholic Youth Network bil-kontribut ta’ Dr Joseph Ciappara.

 

Abraham kellu bidla fl-identità tiegħu, saħansitra fl-isem. X’wassal għal dan?

Il-vjaġġ hu proċess li jkompli tul il-ħajja kollha. L-istadju psiko-soċjali fuq iż-żogħżija ta’ Erik Erikson (psikoanalista) bħal donnu jidħol kexxun fil-kliem tal-poeta nazzjonali, Dun Karm, meta ddeskriva ’l-baħar bħala ż-żagħżugħ ta’ dejjem. Fuq l-istess analoġija, il-bniedem hu żagħżugħ ta’ dejjem għaliex dakinhar li l-bniedem jieqaf ifittex u jiskopri l-identità tiegħu, imut. Kemm hu sabiħ li niltaqgħu m’anzjani li għadhom ifittxu mimlijin enerġija minkejja li forsi għandhom problem ta’ mobbiltà jew kwalunkwe limitazzjonijiet oħra. Kif ngħidu, dawn jibqgħu bi spirtu żagħżugħ. Importanti li l-bniedem jibqa’ dejjem ifittex.

Fl-ewwel taħdita ssemmew l-40 sena u kif dawn jissimbolizzaw stadju ta’ ħajja. L-istadji t’Erikson nistgħu nissimbolizzawhom bħala ‘40 sena’. Mhux għax fiżikament huma 40 sena, imma għax jirrappreżentaw stadju sħiħ ta’ ħajja. Iż-żgħożija tippreżentalna l-għażliet disponibbli kollha quddiemna (għażliet ta’ suġġetti, karrieri, eċċetra); iż-żgħożija għandha l-perċezzjoni li l-anzjanità u l-mewt għadhom ’il bogħod; u għaldaqstant, fiha hemm l-enerġija għall-għajxien tal-għażliet li nagħmlu.

Fażi oħra hija l-mezz’età (middle age). Bil-Malti ngħidu li mal-kwaranta jibda jittanta, imma bl-Ingliż ngħidu li “life begins at 40.” Tul dan iż-żmien, il-bniedem iħares lura lejn id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu u jara l-identità tiegħu kif tista’ tittrasforma. U s-sejħa t’Abraham kienet hawn. Fil-mument li fih Alla jibda jwettaq ir-rieda tiegħu f’Abram, bil-kollaborazzjoni tiegħu, l-isem jinbidel għal Abraham. L-isem ma nbidilx mas-sejħa, imma fil-proċess.

X’inhi l-bidla fl-isem? Fl-Iskrittura, l-isem mhuwiex biss it-tikketta li jagħtu l-ġenituri dakinhar tat-twelid. Fuq kollox huwa identità ta’ persuna. L-isem Abram bl-Ebrajk ifisser missier (Ab) il-kburija (ram mill-verb rum), li mill-ġdid jagħtina ħjiel għalfejn inizjalment baqa’ kkakkmat mal-ġid li kellu. Bil-mod il-mod, l-identità nbidlet meta fil-proċess Alla beda jsejjaħlu Abraham. Issa l-isem ġie jfisser missier (Ab) il-ġuf jew il-ħniena (raham imnissla minn rehem). Fl-Ebrajk in-nom għal ġuf u ħniena huwa l-istess, għaliex fil-ġuf hemm l-ikbar ħniena tal-omm li tagħti spazju minn ġisimha għat-tarbija biex tikber. Abraham sar missier il-ġuf attwalment, għaliex minnu twieldet kotra kbira ta’ ġnus. Daqstant ieħor, kien missier il-ħniena: wera ħnientu ma’ Lot diversi drabi meta nqabad f’diversi problemi u meta Abraham tah iċ-ċans biex jagħżel biċċa art għalih u Lot eventwalment għażel l-aħjar sehem. Hawnhekk, allura, għandna identità li tittrasforma ruħha tul il-ħajja. Hawnhekk tajjeb nieqfu nistaqsu lilna nfusna fejn ninsabu fil-preżent u x’forma għandha l-identità personali tagħna f’dan l-istadju tal-ħajja. Kif qegħdin nikbru mill-istadju preċedenti tal-ħajja?

 

Alla jerġa’ jibdielu?

Min jaf kemm-il darba staqsejnieha lilna nfusna din il-mistoqsija. Meta nkunu fil-mixja tal-ħajja u f’daqqa waħda jitfaċċa ħajt quddiemna. F’dawn il-mumenti ġustament nistaqsu dwar jekk Alla reġax bdielu. Iżakk twieled f’età meta Abraham u Sara kienu anzjani: huwa mod kif l-awtur sagru ried jurina l-impossibbiltà tal-konċepiment bejniethom, mhux għax neċessarjament kellhom dik l-età. U meta fl-aħħar wasal Iżakk, issa kif Alla qed jitlob lil Abraham jissagrifika lil ibnu? Jerġa’ jibdielu?

Aħna ħafna drabi din ħadnieha b’sens litterali b’tali mod li niddiskrivu dan l-episodju bħala eżami ta’ fidi, li fl-aħħar mill-aħħar kien eżami ta’ fidi. Iżda possibbilment hija ħafna iktar minn hekk. Din il-ġrajja hija d-don minn Alla għal Abraham biex jiskopri l-identità ta’ missieru fih innifsu. Ejjew nilbsu ftit il-qorq t’Abraham u ta’ Sara bħala ġenituri u nimmaġinaw li twieled dan it-tifel wara snin twal ta’ stennija. Skont it-test, tmenin sena sħaħ ta’ stennija. Min jaf x’aspettattivi kien hemm fuq dan l-iben! Min jaf kemm proġezzjonijiet ta’ pjanijiet li setgħu joħonquh! Għalhekk, apparti l-aspett t’eżami ta’ fidi, f’dal-episodju Alla qed jagħmel xi ħaġa iżjed sabiħa u profonda għaliex fih qed jippreżenta l-veru don tal-paternità lil Abraham. Fi ftit kliem, Alla kien qed jistieden lil Abraham jissagrifika l-ideat u l-proġetti li kellu għal ibnu sabiex hu jgħix t’Iżakk, u mhux t’Abraham ieħor. Dan hu d-don veru tal-ħajja paterna u materna: li aħna nagħrfu l-limiti sa fejn nistgħu naslu u nieqfu m’uliedna. Għaldaqstant, nagħrfu li Alla mhux talli ma jerġax jibdielu, imma fuq kollox qed jagħmel ġustizzja ma’ ħajjet Iżakk u jagħti don lil Abraham li jiskopri iktar l-irwol ta’ missier. Forsi nistaqsu għalfejn Alla tkellem b’mod daqstant enigmatiku. Alla hekk jitkellem magħna. Mhux għax iħobb ikun diffiċli, iżda għaliex jixtieq li l-vjaġġ tagħna magħna nfusna nagħmluh fil-milja tiegħu. Min jaf kemm-il darba fl-Iskrittura l-bniedem jistaqsi mistoqsija u Alla jwieġbu lura b’mistoqsija! Din narawha anke fid-dinja professjonali, partikularment fil-psikoterapija jew fid-direzzjoni spiritwali. Ħafna drabi nidħlu għal sessjoni mimlijin mistoqsijiet u nippretendu li noħorġu b’iktar tweġibiet. Madankollu, f’ħafna drabi, jiġrilna li noħorġu b’iktar mistoqsijiet. Dawn il-mistoqsijiet huma importanti għaliex jisfidawna biex nistaqsu lilna nfusna u mhux nistennew tweġiba fuq platt tal-fidda jew il-bajtra taqa’ f’ħalqna. Il-mixja interna lili tgħinni nikber bis-serjetà. Għalhekk m’Alla nsibu iktar mistoqsijiet. Biss, hu se jkun hemm jgħinna nwiġbuhom meta nikkoperaw fil-vjaġġ miegħu.

 

X’inhi l-identità li niskopru f’Alla?

Fl-aħħar mill-aħħar, f’dil-ġrajja niskopru li l-veru Abraham huwa Alla nnifsu: il-veru missier tal-ħniena. L-għajn ta’ kull faraġ, anke jekk l-esperjenzi tal-ħajja mhux dejjem iħalluna naraw dan. Kultant dawn jimbuttawna biex naħsbu li Alla biddel fehmtu. Interessanti li meta Abraham jiddeċiedi li joffri lil ibnu b’sagrifiċċju — u allura kien lest li jkisser il-pjanijiet personali tiegħu biex jagħti spazju għall-pjanijiet t’Alla — Alla jipprovdi alternattiva biex jingħata s-sagrifiċċju. Abraham, min-naħa tiegħu, isemmi l-post Jaħweh-jire, jiġifieri li Alla jara. Alla li juri nnifsu u jipprovdi. Min jaf kemm aħna wkoll inkunu f’sitwazzjonijiet ta’ tbatija u mmissu l-qiegħ! Alla jsibna hemm. Fejn inkunu. Fil-mumenti tad-dlam, fiċ-ċirkustanzi ma narawhx lil Alla. Iżda meta nħarsu lura nilmħu kemm Alla huwa verament providenti u li qed jara. U naraw aħna wkoll li Alla kien hemm jimxi magħna pass pass.

 

Abraham għal Alla kien jibni artali permanenti, iżda għalih personali kien jibni biss tined. X’tgħidilna din l-immaġni?

Diġà għamilna referenza għall-għasafar tal-passa li huma kontinwament fi vjaġġ. Fil-fatt li Abraham bena tined, nagħrfu li, bħall-għasafar, aħna l-bnedmin nomadi f’din id-dinja u s-sema hija l-vera pajjiż tagħna. Il-kritika Marxista għal dan targumenta li l-fidi tagħna tippreżentalna kejk fis-sema u allura f’din id-dinja naċċettaw kollox, ikun kif ikun. Imma l-fidi tagħna mhijiex hekk, anzi aħna rridu nkunu kooperaturi t’Alla minn din il-ħajja stess. Tant hu hekk li Abraham bena artali permanenti (bi fdalijiet arkeoloġiċi t’artali ta’ dik l-epoka li għadhom jinsabu fid-deżert tan-Negev eluf ta’ snin wara) lil Alla li huwa nnifsu huwa permanenza. U dan l-istess Alla tal-permanenza għażel u ddeċieda li jgħix fit-tined magħna l-bnedmin. Ftit paġni wara, fil-ktieb tal-Eżodu, Alla jagħżel li jgħammar “fit-tinda tal-laqgħa” (Kap. 40), u fuq kollox, li jiġi u jgħix fostna permezz ta’ Ġesù Kristu. Interessanti dak li nitolbu fl-Anġelus: il-Verb sar bniedem/laħam u għammar fostna. Meta naqrawha bil-Grieg, il-kelma għal sar laħam (eskénosen) hija mnissla mill-kelma tinda (skenos): Ġesù waqqaf it-tinda tiegħu fostna. Allura, hawnhekk nilmħu l-oppost ta’ dak li pprova jagħmel il-bniedem f’Babel meta bena dak iż-Żigurrat: torri li hu xbieha tal-bniedem li dejjem irid ikollu kontroll f’ħajtu. Aħna nagħrfu li l-kontroll assolut ma jeżistix fil-ħajja. Aħna lanqas kapaċi nikkontrollaw jekk jinbidilx il-kulur ta’ xagħarna meta nikbru (xi ħaġa daqstant żgħira f’ġisimna), aħseb u ara tant ħwejjeġ ikbar u ’l barra minna. It-tagħlima f’dan kollu hi li l-ħajja tirrikjedi minna li ma niggranfaw ma’ xejn. Meta ngħammru f’tinda jiġifieri li ma jkollniex għeruq u li ma nibqgħux ikkakkmati ma’ post. Jasal iż-żmien li fih ikollna nċedu ftit mill-ħabel, inżarmaw t-tinda u narmaw f’post ieħor. Min-naħa l-oħra, Alla, li jagħżel li jiġi jgħammar fit-tinda, jurina r-rieda tiegħu li jimxi pass pass magħna f’ħajjitna. Dan iqawwilna qalbna.

 

F’dan kollu, f’dan il-vjaġġ tar-Randan, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna x’qed iżommna kkakkmati mal-post li ninsabu fih bħalissa. X’qed iżżommna milli nikbru? X’permanenza qegħdin nagħtu lil ħajjitna?
Aħna liberi li bħal Abraham nibnu tinda jew qed inħabirku biex nibnu t-torri ta’ kontroll bħall-Babilonja?
Fejn nistgħu naslu?

Għad-destinazzjoni fiżika m’għandniex risposta. Iżda għal dik spiritwali għandna: Alla jrid ilaqqagħna magħna nfusna, u hemm niskopru l-identità vera tagħna u t’Alla, il-missier veru tal-ħniena.

 

Mulej Ġesù, inti għażilt li tterraq fit-toroq tal-Art Imqaddsa passi fiżiċi u konkreti f’din id-dinja. Għażilt li tkun wieħed bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Fik naraw Alla li jrid jidħol f’intimità mal-bniedem. Jinteressak tant minna li tiddeċiedi li tagħmel vjaġġ magħna. Filwaqt li nirrikonoxxu dan is-sabiħ u din il-grazzja, nitolbuk tibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex ma naqtgħux qalbna u b’hekk niskopru s-sabiħ li ma nibqgħux imwaħħlin fil-ħajja. Inkomplu niskopru l-identità tagħna u, fuq kollox, lilek kif tassew inti. Ningħaqdu ma’ Santu Wistin li jgħid li qlubna ma jsibux mistrieħ jekk mhux fik. Tina l-grazzja li nibqgħu nfittxuk sabiex qlubna jibqgħu jistrieħu fik. Int biss tista’ tkun il-milja tal-qlub u l-ħajjiet tagħna.