Riflessjoni għall-Ġimgħa Mqaddsa

Jekk qatt ħassejt iż-żiffa friska qalb il-muntanji fin-Nofsinhar tal-Polonja, hemm mnejn iltqajt ma’ din l-immaġni mnaqqxa fuq il-bibien tipiċi tal-madwar. Wiċċ Kristu mħasseb, imserraħ fuq idu, f’mument sieket fil-ġrajja mqanqla tal-Passjoni. Mument ċkejken qabel dik l-istess id iltaqgħet mal-iskald aħrax t’għuda li xejn ma tixbah is-slaleb xkatlati bi truf imdiehba tal-vari madwarna.

Similaritajiet ta’ dan l-immaġni jinsabu wkoll il-Ġermanja u l-Litwanja, fost l-oħrajn.

Xi jħalli fik il-wiċċ imħasseb ta’ dak li s-soltu nħares lejh setgħan u sovran? Ngħid għalija, l-ewwel sentiment iqanqal fija togħma morra li taħsad il-mod ta’ kif kultant inħares lejn il-fidi. Naf li l-fidi mhijiex maġija li fiha nsib konfort immedjat, imma l-immaġni t’Alla mħasseb xorta tistona ma’ ħsibijieti. Nippreferih miexi fuq il-baħar, ifejjaq l-impossibbli u jsikket il-maltemp. Nippreferih mhux imħasseb. Jekk xejn, il-muskulatura erojka mirquma tal-iskultura tal-Ħassieb ta’ Rodin, hi ferm iktar attraenti.


Hu maħsub li din l-immaġni, qabel il-figura ta’ Kristu, kienet tirrappreżenta ‘l Ġob: raġel “perfett u tajjeb” (Ġob 1:1), tal-familja, ta’ fidi, u b’sitwazzjoni finanzjarja komda. Nistħajjel li bħali, xewqtek tħabbrek għal dan l-għajxien. Iżda żgur li ma tħabbrekx għall-kumplament tan-narrattiva kkaratterizzata minn: fallimenti f’ħidmietu, imwiet ta’ familjari, mard, solitudni, u dwejjaq. F’sommarju ta’ ftit kliem, f’Ġob nilmħu diżappunt. Għalkemm xewqti ma tħabbrekx għal din l-iżvolta, nagħraf li, xi ftit jew wisq, doqt ftit mill-imrar ta’ Ġob f’ħajti. Bħalu staqsejt “għaliex?” u ddiżappuntajt ruħi f’Alla li fih tant ittamajt u qdejt. Tħassibt. Kont nixtieq verżjoni ta’ ħajja aħjar jew imqar rimedji iktar effiċjenti. Kont nippreferi immaġni t’alla inqas fraġli. Imma ma setax kelli immaġni t’imħabba aħjar minn dak t’Alla ħosbien! Vulnerabbli fil-ġisem. Vulnerabbli fil-ħsieb. Bħali. Miegħi.


Bħalma l-maltemp jikxef l-abiltajiet tal-baħri, Alla ma jiddistikkax ruħu mill-immaġni tiegħu ħosbien, u b’hekk jikxef imħabbtu. Ma kienx ikun veru bniedem li kieku qatt ma ġarrab il-ġlidiet tal-moħħ li magħhom aħna nissieltu ta’ kuljum. Is-saħħa mentali mhuwiex suġġett aljen għal Kristu, għax bħali u bħalek issielet miegħu sa għereq l-għaraq tad-demm. Għall-kuntrarju tiegħi, ma jagħżilx li jaħrab mal-ewwel buffuri ta’ sofferenza.


Fit-tħassib uman, mexa pass eqreb biex jifhem dak li, ħaddieħor jew saħansitra inti stess, ma tistax tifhem fik innifsek. Fit-tħassib tiegħu seta’ jilmaħ u jifhem it-tħassib tiegħek. U għax int ukoll parti minn din-narrattiva, fit-tħassib jagħraf opportunità ta’ mħabba. Imħabba li mhux dejjem hemm raġuni valida għaliha, jew li mhux dejjem tkun reċiprokata. Għax dejjem hemm mnejn l-iben il-ħali jiddawwar biex jiġi. Jekk jiġi! L-istennija ta’ Kristu mnaqqxa f’wiċċ ħosbien imserrħa f’idejh, ma tistrihx qabel tarak mill-ġdid.


Ħnientu, friska iktar miż-żiffa tal-muntanji, titħasseb għalik.