Dan l-artiklu hu t-tieni parti mis-serje Tug of War, riżorsa maħsuba għaż-żgħażagħ minn Malta Catholic Youth Network bil-kontribut ta’ Dr Joseph Ciappara.

 

X’kienet is-sejħa t’Abraham?

Kif irriflettejna, il-kmand li ltqajna miegħu s’issa hu biex Abram jitlaq minnu nnifsu. Tajjeb naraw ftit x’kellu jħalli Abram minn dar missieru. Meta nitkellmu fuq dan il-personaġġ nagħrfu li ma kellux deċiżjonijiet faċli quddiemu. Ma ninsewx li Abram telaq tqil bil-ġid minn fejn kien. Jissemmew l-imrieħel, in-nies kollha li kien hemm jaħdmu miegħu, martu, u n-neputi tiegħu.

X’jiġifieri “dar missieru”? Din mhijiex sempliċiment id-dar. Fl-Iskrittura tfisser ħafna iktar. Li ninfatmu mill-missier kultant nipperċepixxuha bħala kuntrarju għar-4 kmandament: “Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok.” Fid-dinja Lhudija, il-bżonn ta’ rabta mad-dar tal-missier kien imperattiv, fis-sens li wieħed kien mistenni li jieħu ħsieb lill-ġenituri. Dan għaliex id-dar tal-missier kienet tirreferi għal dak kollu li wassalna biex inkunu dak li aħna llum. Aħna dak li aħna llum għax konna dak li konna lbieraħ. Madankollu, l-istedina t’Alla għall-bniedem hi li jinfatam mill-passat tiegħu. Mhux li ninsew il-passat, anzi hemm bżonn li nħarsu lejh u nitgħallmu minnu! Imma rridu wkoll ma nħallux il-passat jikkundizzjonana. Kif inħarsu lejn il-mod kif Abram telaq minn artu, tqil bil-ġid, naraw kif ir-rabtiet tiegħu minn dar missieru baqgħu hemm. Imtaqqal bil-ġid kollu f’eluf ta’ kilometri li vvjaġġa.

 

X’inhi d-destinazzjoni?

L-awtur ma jsemmix destinazzjoni. L-unika istruzzjoni minn Alla hi “lejn l-art li se nurik.” Destinazzjoni fiżika m’għandniex, imma d-destinazzjoni spiritwali l-awtur jagħtihielna mill-ewwel: lejk innifsek, kif diġà rriflettejna. Is-sejħa hija dejjem stedina. Imma wħud mid-drabi l-ħajja ġieli tlaqqagħna wkoll ma’ vjaġġi li jkollna niħduhom bilfors. F’din is-sejħa, li Abram aċċetta, kien hemm vjaġġi li kellu jieħu ta’ bilfors, fosthom meta iktar tard ġie kostrett li jinżel lejn l-Eġittu meta waqa’ l-ġuħ f’Kagħnan. Aħna wkoll għandna vjaġġi f’ħajjitna li wħud nistgħu nagħżluhom u oħrajn li huma bilfors. Ikunu xi jkunu l-vjaġġi, dejjem hemm l-opportunità li fihom niltaqgħu magħna nfusna, u Alla jużahom dawn iċ-ċirkustanzi, kif fil-verità għamel f’ħajjet Abram.

“We are birds in flight.” Kemm hija profonda din il-frażi għaliex tixhed li l-ħajja hija vjaġġ kontinwu. L-għasafar jekk jieqfu jferfru l-ġwienaħ, jaqgħu. L-istess aħna. L-istess Abram. Minkejja n-nuqqas t’għarfien tad-destinazzjoni, jibqa’ jtir mingħajr waqfien. B’mod interjuri, l-istess. Minkejja li forsi wħud minna bdew dan it-traġitt biex jiltaqgħu magħhom infushom, qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna fid-destinazzjoni finali b’mod sħiħ.

 

Hemm lok għax-shortcuts?

Id-deżert lilna l-bnedmin iwaħħaxna u hu proprju tal-waħx għaliex ilaqqagħna mal-limitazzjonijiet tagħna. Jekk fid-deżert wieħed sempliċiment jilwi siequ, din tista’ tkun ta’ theddida għall-ħajja. Jekk forsi wħud minna jbatu b’xi ħaġa respiratorja jew xi ħwejjeġ oħra kroniċi, l-istess. Id-deżert żgur li se jesponina għal iktar tbatija. Id-deżert huwa wkoll il-post tal-estremi: minn 50 grad matul il-jum sal-ġlata li tilħaq tifforma wara n-nida u l-kesħa tal-lejl. X’ma jwaħħaxniex! L-istess kien jitwaħħax il-poplu Lhudi tant li wieħed mill-kantiċi fid-Dewteronomju jirreferi għalih bħala “art imwarrba … deżert waħxi u bla nies.” Madankollu, Alla jagħżel dan l-istess post bħala l-post tal-intimità tiegħu mal-poplu Lhudi. Fit-tieni kapitlu ta’ Ħosegħa, Alla jgħid: “Jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem.” L-awtur qed jirrappreżenta lill-poplu bħala tfajla, u Alla li jagħżel id-deżert bħala l-post li fih jinnamra mal-poplu tiegħu. Illum, Alla għadu jrid joħroġna miż-żoni ta’ kumdità f’ħajjitna fid-deżert biex hemmhekk ikellem lil qlubna.

Il-verb għal kelma (titkellem) bl-Ebrajk huwa dabar. Mill-għeruq ta’ dabar noħorġu l-kelma midbar, li tfisser deżert. Fuq l-istess kunċett, bil-Malti, mill-verb ittir, noħorġu n-nom mimmat mitjar (ajruport). Id-deżert, għaldaqstant huwa ekwivalenti għal mitkellem. Aħna fid-deżert ta’ ħajjitna, se nfittxu shortcuts? Interessanti li malli Abram ifittex toroq iqsar, jipperikola l-wegħdiet kollha li jagħmillu Alla f’ħajtu. Kif diġà ssemma, kien hemm mument f’Kagħnan li fih waqa’ l-ġuħ. Abram fid-deżert tan-Negev (iktar lejn in-Nofsinhar), jisma’ b’dan il-ġuħ u jiddeċiedi li jaħrab lejn l-Eġittu. Deċiżjoni li ttieħdet mingħajr ebda konsultazzjoni m’Alla. Jagħmel ta’ rasu jieħu triq alternattiva. X’jiġri? Kif jixref fuq il-fruntiera tal-Eġittu, jirrealizza li martu hija mara sabiħa ħafna fil-għajn u li probabbilment l-Eġizzjani kienu se jfittxu joqtluh biex jisirqu ’l martu. Għalhekk idur fuq martu u jgħidilha biex quddiem min se jiltaqgħu tgħid li hi oħtu u mhux martu. Ħa riskju mhux biss li jitlef lill-imħabba ta’ ħajtu, imma wkoll il-potenzjal tal-ulied li Alla kien qed iwiegħdu. Li kieku ma kienx għall-intervent t’Alla, Abram kien jitlef lil martu. Iktar tard fil-ġrajja, meta l-wild imwiegħed baqa’ ma ġiex, Saraj tagħżel triq alternattiva hi wkoll: tistieden lil żewġha jorqod ma’ Ħagar. Fl-għarfien li Ħagar kienet il-qaddejja ta’ Saraj, Saraj ippruvat tikkonvinċi ’l Abram li b’hekk l-ulied minn Ħagar ikunu tagħha mhux tal-omm naturali. Hawn diġà nilmħu l-kunċett tas-self tal-ġuf (surrogacy) li kienet realtà f’dawk iż-żminijiet. Abram għamel kif qaltlu Saraj u eventwalment din it-triq alternattiva kellha riperkussjonijiet kbar: qanqlet rivalità bejn il-wild ta’ Ħagar (Ismagħel) u l-wild li ġie iktar tard minn Saraj (Iżakk), u li mbagħad issarrfet f’mibegħda bejn żewġ popli.

 

Kif nistgħu nirrelataw ma’ din is-sejħa?

Deżert komuni li jwerwirna llum il-ġurnata huwa l-istorbju li jtarrax tas-skiet. Pereżempju, jekk ninqabdu fit-traffiku, faċilment ngħollu r-radju tal-karozza għaliex il-mumenti tas-skiet jiskomodawna. Is-skiet ilaqqagħna magħna nfusna. U apparti dan l-eżempju hemm ħafna iktar deżerti oħrajn. Jista’ jkun ix-xogħol li bih nipprova naħrab realtajiet oħrajn. Fihom, l-isfida hija li aħna nirbħu l-biżgħat tagħna, niltaqgħu magħna nfusna, u hemm niskopru dak li mhux neċessarjament jogħġobna fina nfusna: dak li nipperċepixxu bħala ikrah, forsi fil-karattru, fil-persuna, f’dak li jqanqal dwejjaq fina u li jwaqqagħna wiċċna l-art meta niltaqgħu ma’ ħaddieħor, fil-ħtija, eċċetra. Fid-deżert tal-ħajja, Alla jrid ikellem lil qlubna permezz ta’ dawn l-affarijiet. U allura r-riflessjoni tiġi hawn: se nkunu kapaċi niltaqgħu ma’ dawn l-aspetti ta’ ħajjitna u nitħabbu magħhom? Jekk nitħabbu magħhom — l-istedina t’Alla għalina — inkunu kapaċi naċċettaw lilna nfusna u nkomplu t-triq għall-maturità. Id-deżert li fih nippruvaw naħarbu l-insigurtajiet tagħna huwa l-post li fih Alla jixtieq ikun intimu magħna.

 

Missier Qaddis, għadna kif irriflettejna fuq id-deżerti fil-ħajja tagħna: dak li taf toffrilna l-ħajja, u wkoll dak li toffrilna inti għax tħobbna u għax tixtieq tlaqqagħna magħna nfusna. Fuq kollox, int tixtieq li f’dal-vjaġġ, li fih int tinnamra magħna, insiru nafu iktar min int: Alla ħanin, Alla li tħobb. Nitolbuk għall-grazzja biex ma nibżgħux naffrontaw id-deżert, u li meta fih niltaqgħu mal-aspetti inqas sbieħ fina u li jdejquna, tgħinna nixħtu l-ħarsa tal-imħabba tiegħek. Dik l-istess ħarsa ta’ mħabba li int xħitt fuq Pietru fl-iktar mument vulnerabbli tiegħu, anke meta ċaħdek. Tina l-grazzja li nħarsu bl-istess imħabba lejna nfusna sabiex nitħabbu ma’ dawk ir-realtajiet li nagħtuhom bis-sieq f’ħajjitna. Fihom nistgħu nikbru u fihom, għax nagħrfu d-dgħufijiet, nagħrfu l-ħtieġa tiegħek: is-sabiħ li int taġixxi f’ħajjitna. L-istess kif għamilt m’Abram. Fid-dgħufija tiegħu inti ħdimt u wassaltu għall-frott.