Archives

Kristu fil-Ħabs

Il-ħabs. Jekk b’xi mod ġarrabtu jew jekk forsi qatt ma missejt miegħu, huwa esperjenza li lkoll nippruvaw niċċensuraw minn ħajjitna, u bir-raġun. Il-ħajja kif inhi diġà ċċaħħadna mill-milja tal-libertà. Kristu, fil-ħajja umana tiegħu, il-ħabs ma jiċċensurahx: esperjenza li ftit li xejn nieqfu magħha. U bħalu, mijiet u eluf li ħabirku biex jimxu fuq kelmtu. Skomda li l-istess Alla tal-kollox jingħata f’idejn awtorità umana u inġusta. Mhux b’mażokiżmu imma b’turija li hu x’inhu l-qiegħ li ninsabu fih, m’hemmx realtà li hu ma ġarrabx. Turija li tinsab fejn tinsab, hu x’inhu l-ħabs tiegħek, Kristu mxennaq li jimxi miegħek.

 

Dan hu dak li qed taspira ‘Kristu fil-Ħabs’, esebizzjoni tal-arti minn għadd ta’ żgħażagħ artisti li spiraw ruħhom minn 15-il riflessjoni tal-Via Sagra minsuġa minn 9 priġunieri, omm ta’ priġunier, soru voluntiera, gwardjan, eks-Kappillan u  eks-Direttur tal-ħabs. L-arti li tikkumplimenta dawn ir-riflessjonijiet u esperjenzi umani se jkunu qed jistednuk issieħeb l-immaġnijiet ta’ ħabs li lkoll natribwixxu għal ħajjitna: ħabsijiet li nesperjenzaw intortament u oħrajn li kultant – minkejja kull tentattiv biex nimxu mar-riga – ma rridux wisq biex nagħrfu kemm huma frott tas-suxxettibbiltà tagħna għall-iżball.

 

Din il-Via Sagra b’differenza, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni tal-Malta Catholic Youth Network u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, issa ssejjaħ lilek biex tissieħeb f’din l-esperjenza u b’hekk tniżżel l-esebizzjoni fil-kalendarju kulturali tiegħek tul dan ir-Randan.

📅 Mit-13 sal-24 ta’ Marzu 2026

⏰ Mit-Tnejn sal-Ħamis
mid-9:00 AM sat-8:00 PM
Il-Ġimgħa u s-Sibt
mid-9:00 AM sad-9:00 PM
Din l-esebizzjoni mhux ser tkun miftuħa fil-Ħdud u l-festi

📍 Sala San Ġwann, Il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

Inħeġġuk iżżur ‘Kristu fil-Ħabs’ billi tirriserva l-ispazju tiegħek: 

10K

It-10K huwa kors fuq l-10 Kmandamenti imma mhux ħa noqogħdu naħlulek il-ħin ngħidulek ma toqtolx, ma tisraqx u ma tidgħix.
Dawn huma l-10 Kmandamenti kif qatt ma smajthom qabel!
F’din il-mixja, l-10 kelmiet li Alla ta lill-poplu Lhudi jsiru s-sigriet biex il-bniedem modern jagħmel suċċess fil-ħajja u jkun ferħan.


Dal-kors inħoloq l-Italja u nfirex f’aktar minn 15-il pajjiż. Beda f’Għawdex fl-2019 u f’Malta fl-2024.
Vera nsejħulu kors, imma m’hemmx ħlas, assignments jew eżamijiet. Sempliċiment tiġi u tisma’ t-taħdidiet. U jekk tixba’ tista’ ma tiġix aktar u ħadd ma jgħidlek xejn. Fil-fatt ħafna jiġu u jitilqu għax il-kors ma jgħoddx għal kulħadd. Oħrajn imissilhom qalbhom, jifqagħlhom moħħhom u jbiddlilhom ħajjithom.


Jekk trid tibdieh u tara kif tmur, kemm timla d-dettalji t’hawn minħabba loġistika.
U bilħaq, parking mhux problema.