L-Ewwel Ġurnata – Eżerċizzji tar-Randan – Kurja 2021

Nilqgħukom għal Eżerċizzji tar-Randan 2021.
L-eżerċizzji ħa jsiru fuq it-tlett ijiem li ġejjin u jieħdu madwar 15-il minuta.

Fi snin li għaddew, l-Irtir tar-Randan kien mument fejn konna niltaqgħu flimkien u mhux biss nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, imma nieħdu gost bil-kumpanija ta’ xulxin u nikbru fl-għaqda ta’ bejnietna. Qabel ir-riflessjoni ta’ Fr Bernard, ser nisimgħu testimonjanza qasira minn xi mpjeġati tal-Kurja – opportunità biex nisimgħu xhieda ta’ nies li jaħdmu magħna, imma forsi minn perspettiva kemxejn differenti mis-soltu.

Testimonjanza: Rose-Anne Abdilla

Rose-Anne, fost ħafna affarijet, taqsam magħna xi esperjenzi li kellha fuq ix-xogħol, esperjenzi li fi kliemha stess “daħħluha f’qoxortha”.

L-Ewwel Riflessjoni: ‘Ġesù Jwaqqaf l-Ewkaristija’

Fr Bernard jitkellem dwar l-importanza tal-mejda fil-missjoni ta’ Ġesù u fil-ħajja Nisranija.

Wara li tara dawn il-videos, nissuġġerixxu li ssib ħin matul il-ġurnata tiegħek biex tirrifletti ftit dwar dak li smajt – tħallix din l-opportunità taħrablek. Jekk tinsab ġewwa l-Kurja, tista’ iżżur il-pittura u tagħmel it-talba u r-riflessjoni tiegħek hemm.

Mistoqsijiet għar-riflessjoni:

  • Kif nista’ jien insir ħobż għall-oħrajn?
  • Is-servizz li nagħti jien, qiegħed/qiegħda nagħtih b’imħabba?

Xi informazzjoni dwar il-pitturi ta’ Francesco Zahra
Dawn il-pitturi jagħmlu parti minn sett ta’ 14-il pittura ta’ Francesco Zahra li jitrattaw il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-maġġoranza ta’ dan is-sett jinsab fil-Kurja tal-Arċisqof. Probabbilment dal-pitturi saru madwar is-sena 1750, l-istess żmien li kienet qed tinbena Casa della Madonna di Manresa, issa l-Kurja tal-Arċisqof. It-tlett pitturi msemmija waqt l-eżerċizzji ilhom fil-bini tal-Kurja minn dak iż-żmien.
Francesco Zahra kien pittur magħruf sew fi żmienu, speċjalment għall-arti reliġjuża. Peress li kien ġej minn familja artistika (missieru kien skultur tal-ġebel magħruf f’Malta) hu kien espost minn età żgħira għad-dinja tal-arti. Għalkemm ma hemmx bil-miktub taħt min tgħallem ipitter, l-istudjużi jsemmu l-influwenza ta’ Mattia Preti, Antoine Favray u Gio Nicola Buhagiar b’mod partikulari.