Nilqgħukom għall-Eżerċizzji tar-Randan 2021.
Tista’ tara r-riflessjonijiet u l-videos tal-ġranet ta’ qabel, billi tagħfas hawn: Introduzzjoni + L-Ewwel Ġurnata
L-eżerċizzji qegħdin jsiru fuq tlett ijiem u jieħdu madwar 15-il minuta.
Testimonjanza: Bernadette Fenech
Bernadette titkellem dwar kif tesperjenza x-xogħol tal-Knisja minn żewġ perspettivi differenti: mix-xogħol tagħha fil-Kurja u fl-involviment tagħha fil-parroċċa.
It-Tieni Riflessjoni: ‘Kristu Jaħsel Saqajn l-Appostli‘
Fr Bernard jaqsam magħna riflessjoni dwar il-ħasil tas-saqajn: Ġesù li rrepeta ġest li sar fuqu stess.
Wara li tara dawn il-videos, nissuġġerixxu li ssib ħin matul il-ġurnata tiegħek biex tirrifletti ftit dwar dak li smajt – tħallix din l-opportunità taħrablek. Jekk tinsab ġewwa l-Kurja, tista’ iżżur il-pittura u tagħmel it-talba u r-riflessjoni tiegħek hemm.
Mistoqsijiet għar-riflessjoni:
- Liema saqajn imsejjaħ naħsel f’dan iż-żmien?
- Liema saqajn jixtieq li jaħsel Ġesù permezz tiegħi?
Xi informazzjoni dwar il-pitturi ta’ Francesco Zahra
Dawn il-pitturi jagħmlu parti minn sett ta’ 14-il pittura ta’ Francesco Zahra li jitrattaw il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-maġġoranza ta’ dan is-sett jinsab fil-Kurja tal-Arċisqof. Probabbilment dal-pitturi saru madwar is-sena 1750, l-istess żmien li kienet qed tinbena Casa della Madonna di Manresa, issa l-Kurja tal-Arċisqof. It-tlett pitturi msemmija waqt l-eżerċizzji ilhom fil-bini tal-Kurja minn dak iż-żmien.
Francesco Zahra kien pittur magħruf sew fi żmienu, speċjalment għall-arti reliġjuża. Peress li kien ġej minn familja artistika (missieru kien skultur tal-ġebel magħruf f’Malta) hu kien espost minn età żgħira għad-dinja tal-arti. Għalkemm ma hemmx bil-miktub taħt min tgħallem ipitter, l-istudjużi jsemmu l-influwenza ta’ Mattia Preti, Antoine Favray u Gio Nicola Buhagiar b’mod partikulari.