Nilqgħukom għall-Eżerċizzji tar-Randan 2021.
Tista’ tara r-riflessjonijiet u l-videos tal-ġranet ta’ qabel, billi tagħfas hawn: Introduzzjoni + L-Ewwel Ġurnata, It-Tieni Ġurnata
L-eżerċizzji qegħdin jsiru fuq tlett ijiem u jieħdu madwar 15-il minuta.
Testimonjanza: Ian Noel Pace
Ian jaqsam xi esperjenzi fuq ix-xogħol li kellhom impatt kbir f’ħajtu – fosthom waħda li jiddeskriviha bħala “it-tieni esperjenza l-iktar profonda wara t-twelid ta’ ibni.”
It-Tielet Riflessjoni: ‘Kristu Jiġi Meħud‘
Fr Bernard jistedinna nirriflettu fuq il-ħbiberija ta’ Ġuda u Ġesù – il-ħbiberija li waslet għall-mewt ta’ Ġesù.
Wara li tara dawn il-videos, nissuġġerixxu li ssib ħin matul il-ġurnata tiegħek biex tirrifletti ftit dwar dak li smajt – tħallix din l-opportunità taħrablek. Jekk tinsab ġewwa l-Kurja, tista’ iżżur il-pittura u tagħmel it-talba u r-riflessjoni tiegħek hemm.
Mistoqsijiet għar-riflessjoni:
- Jien ninnegozja bl-imħabba bħal Ġuda?
- Hemm nies f’ħajti li bħalissa qed jesperjenzaw dan it-tradiment? Kif nista’ niftakar fihom?
Xi informazzjoni dwar il-pitturi ta’ Francesco Zahra
Dawn il-pitturi jagħmlu parti minn sett ta’ 14-il pittura ta’ Francesco Zahra li jitrattaw il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-maġġoranza ta’ dan is-sett jinsab fil-Kurja tal-Arċisqof. Probabbilment dal-pitturi saru madwar is-sena 1750, l-istess żmien li kienet qed tinbena Casa della Madonna di Manresa, issa l-Kurja tal-Arċisqof. It-tlett pitturi msemmija waqt l-eżerċizzji ilhom fil-bini tal-Kurja minn dak iż-żmien.
Francesco Zahra kien pittur magħruf sew fi żmienu, speċjalment għall-arti reliġjuża. Peress li kien ġej minn familja artistika (missieru kien skultur tal-ġebel magħruf f’Malta) hu kien espost minn età żgħira għad-dinja tal-arti. Għalkemm ma hemmx bil-miktub taħt min tgħallem ipitter, l-istudjużi jsemmu l-influwenza ta’ Mattia Preti, Antoine Favray u Gio Nicola Buhagiar b’mod partikulari.